Oġġetti
Definizzjoni Din l-iskeda tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri tal-kampjunar għall-pakketti għall-bejgħ bl-imnut. Madankollu, jistgħu japplikaw rekwiżiti addizzjonali għal prodotti speċifiċi u dawn mhumiex koperti hawnhekk. Jekk jogħġbok irreferi għall-istandards u għar-regolamenti xierqa fis-seħħ.

Il-pakketti għall-bejgħ bl-imnut huma definiti bħala pakketti fejn il-piż tal-iżgħar pakkett individwali fil-konsenja normalment ma jaqbiżx il-5 l jew il-5 kg, jiġifieri diversi laned, fliexken, vażetti u boroż.

Pakkett għall-bejgħ bl-imnut għandu jitqies bħala kwalunkwe pakkett ippreparat speċifikament għall-bejgħ lil individwu għall-użu domestiku.
  • Fil-każ tal-ħwawar jew tal-ħxejjex aromatiċi dan jista’ jfisser kwantità żgħira ta’ 10 g – 25 g.
  • Għal komoditajiet oħrajn dan normalment ifisser pakkett ta’ bejn 100 g u 2 kg (jew 2 l).
  • Għal ċerti komoditajiet mhux omoġeni (eż. l-ikel tal-klieb) dan jista’ jinkludi wkoll xkejjer jew boroż sa 25 kg.
Din l-iskeda tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-kampjunar tal-oġġetti lesti kemm jekk ippakkjati f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut jew le li mhumiex koperti fl-iskedi speċifiċi tagħhom.

L-oġġetti huma definiti bħala prodotti lesti, li jistgħu jintużaw direttament mill-utenti finali.

Din l-iskeda tkopri eż. varjetà ta’ prodotti, bħal pereżempju oġġetti tad-dar, oġġetti ornamentali, oġġetti sanitarji, ħwejjeġ, żraben, oġġetti għall-ornament personali, għodod, tagħmir mekkaniku u elettr(on)iku, partijiet u aċċessorji tagħhom, oġġetti ottiċi, strumenti, partijiet u aċċessorji tagħhom, arloġġi tal-idejn, għamara, lampi u ġugarelli.

Dawn l-oġġetti huma magħmula minn materjali differenti, bħal pereżempju l-plastik, il-lastiku, il-ġilda, il-karta, it-tessuti, il-prodotti minerali, iċ-ċeramika, il-ħġieġ u l-metall jew taħlita tagħhom.

Huma esklużi l-prodotti kollha nofshom lesti bħal pereżempju lingotti, vireg, pajpijiet, folji, wajer, eċċ. Il-kampjunar ta’ dawn il-prodotti huwa kopert bl-iskeda tal-proċedura tal-kampjunar tal-materjal li jkunu magħmula minnu.

Għall-oġġetti tal-iskart ara l-iskeda speċifika għal “Skart”.

Pakketti għall-bejgħ bl-imnut
Kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun Abbażi tal-kwantità tal-konsenja, in-numru minimu rrakkomandat ta’ pakketti li tagħhom għandu jittieħed kampjun sabiex jinħoloq kampjun aggregat huwa:

Daqs tal-lott
(numru ta’ pakketti)
Numru rrakkomandat ta’
pakketti li minnhom għandu jittieħed kampjun
2-100 2
101-1 000 3
1 001-10 000 6
10 001-150 000 9
150 001-500 000 12
> 500 000 17

Adattat mill-FAO/WHO — CAC/GL 50-2004, it-tabella 17 għal-livell imnaqqas ta’ spezzjoni. L-eċċezzjonijiet għal din it-tabella huma spjegati fil-pjan tal-kampjunar hawn taħt.

Meta l-pakketti jkunu żgħar, kun żgur li l-kampjun finali jkun jiżen mill-inqas 250 g. Għall-oġġetti, il-kampjun minimu finali huwa prodott wieħed lest u funzjonali.

Jekk il-konsenja hija omoġenja (il-pakketti għandhom ilkoll l-istess tikketta, kontenut, piż jew volum nett, numru tal-produzzjoni jew tal-lott u/jew data ta’ skadenza) jista’ jittieħed kampjun ta’ inqas pakketti (jew partijiet tal-oġġetti). Fil-prinċipju għandu jkun biżżejjed l-ammont/il-piż minimu ta’ kampjuni finali identiċi, meħtieġa mil-laboratorju, skont il-linji gwida nazzjonali tiegħek.

Omoġeneità: Il-prodotti ppakkjati għall-bejgħ bl-imnut normalment ikunu prodotti bil-massa u ta’ kompożizzjoni uniformi jew omoġenja. Madankollu għal xi oġġetti l-varjabbiltà naturali tal-prodott tista’ tfisser li l-pakketti bl-imnut mhumiex uniformi jew omoġeni. F’kull każ tista’ tuża d-diskrezzjoni tiegħek fir-rigward tan-numru ta’ kampjuni li tieħu.
  • Fejn huwa ċar li l-pakketti huma uniformi (eż. oġġetti manifatturati bl-istess data tal-produzzjoni jew numri tal-lott) jista’ jitnaqqas in-numru ta’ pakketti meħuda filwaqt li xorta jibqgħu rappreżentattivi tal-konsenja kollha kemm hi. Madankollu ftakar li għandek tieħu l-kwantità minima meħtieġa għall-analiżi.
  • Fejn hemm xi dubju dwar l-uniformità tal-pakketti, pereżempju fejn hemm differenzi viżibbli bejn il-kontenuti, tista’ tieħu pakketti addizzjonali aktar mill-kwantità meħtieġa skont l-iskala tal-kampjunar biex tiżgura li l-kampjun tiegħek ikun rappreżentattiv.
  • L-istess japplika għall-oġġetti: Fejn hemm xi dubju dwar l-uniformità tal-oġġetti, pereżempju fejn hemm differenzi viżibbli bejn l-oġġetti individwali, tista’ tieħu aktar kampjuni biex tiżgura li l-kampjun tiegħek ikun rappreżentattiv. Eżempju ta’ oġġetti mhux omoġeni huwa eż. l-oġġetti taċ-ċeramika. Il-prattika turi li t-tip ta’ ċeramika tal-oġġetti (porċellana, oġġetti tal-ġebel, oġġetti tal-fuħħar komuni jew fini) tvarja regolarment f’konsenja waħda.
  • L-oġġetti ta’ valur għoli normalment jiġu kampjunati bħala oġġett rappreżentattiv wieħed.
  • Fejn ma tkunx imxejt mal-iskala, billi ħadt aktar jew inqas mill-iskala, għandek tirreġistra r-raġunijiet tiegħek fuq il-formola tal-kampjunar.
Standards u regolamenti EN/ISO speċifiċi għall-pakketti għall-bejgħ bl-imnut
  • FAO/WHO. Codex Alimentarius General Guidelines on Sampling — CAC/GL 50-2004.

Leġiżlazzjoni (standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi): jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali tiegħek fir-rigward tal-kampjunar.


Tagħmir meħtieġ
L-għodda ssuġġerita għall-kampjunar skont il-metodu użat
  • Għodod ġenerali: sikkina, imqass, pinzetti, torċ, eċċ.
Kontenituri li għandhom jintużaw għall-kampjunar
  • Boroż tal-plastik ta’ forom u daqsijiet differenti; bit-tikketta stampata fuqhom minn qabel jew le (P00)
  • Boroż tal-karti jewkaxxi tal-kartun, qratas; bit-tikketta stampata fuqhom minn qabel jew le (R00, R01)
Xi oġġetti ta’ daqs akbar ma jeħtieġu l-ebda kontenitur jekk tkun tista’ titwaħħal tikketta fuqhom faċilment eż. il-prodotti taċ-ċeramika, l-injam, il-ġebel jew prodotti bħal pereżempju tagħmir u apparat elettroniku).
Prekawzjonijiet tas-sikurezza u valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sikurezza.

  • Taħt kundizzjonijiet normali l-merkanzija fil-pakketti għall-bejgħ bl-imnut jew l-oġġetti ma joħolqux xi periklu partikolari għas-saħħa.
  • Għall-oġġetti tal-ikel: l-ebda periklu partikolari sakemm ma tkunx allerġiku għall-kontenut speċifiku.
  • Għal preparazzjonijiet oħrajn: ara l-SDS jew l-ADR u t-tikketti dwar il-perikli u s-sikurezza fuq il-pakkett oriġinali.
  • Ilbes ingwanti protettivi, nuċċali ta’ sikurezza u/jew maskra protettiva (jekk ikun meħtieġ).
  • Għandek tkun konxju dwar kwalunkwe struzzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-valutazzjoni tar-riskju lokali u/jew il-prattiki ta’ ħidma sikuri għall-post fejn ikun se jsir il-kampjunar u ssegwihom.

Pjan tal-kampjunar
Tip ta’ konsenja Deskrizzjoni
Konsenji għall-iżdoganar tal-merkanzija Il-kampjun aggregat jikkonsisti f’numru xieraq ta’ kampjuni inkrimentali: bottijiet, fliexken, vażetti jew boroż meħuda fl-ippakkjar għall-bejgħ bl-imnut mhux miftuħ tagħhom minn kull parti tal-konsenja.

Normalment jittieħed kampjun wieħed (pakkett wieħed għall-bejgħ bl-imnut jew biċċa waħda mill-oġġetti) biex jirrappreżenta l-oġġetti koperti mill-istess dikjarazzjoni doganali.

Konsenji għall-CAP (rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni) jew spezzjoni tas-sisa Il-kampjun aggregat jikkonsisti f’numru xieraq ta’ kampjuni inkrimentali: bottijiet, fliexken, vażetti jew boroż meħuda fl-ippakkjar għall-bejgħ bl-imnut mhux miftuħ tagħhom minn kull parti tal-konsenja. In-numru minimu ta’ pakketti li tagħhom għandu jittieħed kampjun huwa mogħti fit-Tabella ta’ hawn fuq. Jekk il-konsenja tikkonsisti f’oġġetti li joriġinaw minn linja ta’ produzzjoni waħda (in-numru tal-lott ikun identiku) jistgħu jittieħdu inqas kampjuni.

Huwa wkoll importanti li jitqies il-proporzjon tal-konsenja meħuda bħala kampjun; ara l-Parti Ġenerali.


Informazzjoni dettaljata
Proċedura tal-kampjunar
  • Għandhom jittieħdu kampjuni separati minn lottijiet differenti. It-tikketti fuq il-pakketti jistgħu jindikaw jekk il-konsenja fihiex lottijiet jew dati ta’ produzzjoni differenti, u jekk il-prodotti fil-lottijiet differenti jvarjawx fil-kwalità.
  • Jekk it-tikketti fuq il-pakketti jindikaw li l-konsenja fiha prodotti differenti, eż. konsenja ta’ ġamm jista’ jkun fiha tipi differenti ta’ ġamm, għandek tieħu kampjun minn kull tip. Għall-oġġetti, meta konsenja jkun fiha taħlita ta’ oġġetti eż. viti u boltijiet ta’ tipi u għamla differenti, għandek tieħu kampjun minn kull tip.
  • Dejjem għandek teżamina l-integrità tal-pakketti u d-data ta’ skadenza.
  • Il-pakketti għall-bejgħ bl-imnut li tieħu bħala kampjuni m’għandhomx jinfetħu u l-kontenut tagħhom m’għandux jitqiegħed f’kontenituri tal-kampjuni oħrajn.
  • Għandek tieħu prekawzjonijiet sabiex tevita li tħassar jew tgħatti l-informazzjoni fuq il-pakkett oriġinali. It-tikketta tad-dwana m’għandhiex tgħatti t-tikketti kummerċjali tal-prodott oriġinali (it-trademark, il-manifattur, il-kontenut, id-data ta’ skadenza, it-timbri tad-dazju eċċ.). Huwa rrakkomandat li l-pakketti għall-bejgħ bl-imnut li jkun ittieħed kampjun minnhom jitqiegħdu f’borża tal-plastik jew kaxxa tal-karti u li t-tikketti u s-siġilli jitwaħħlu mal-borża jew mal-kaxxa.
  • Jekk il-prodott ikun wasal biex jiskadi jew ikun skada, normalment ma jittiħdux kampjuni tal-konsenja sakemm ma jkunx hemm xi raġuni partikolari għal dan.
  • Bħala alternattiva sodisfaċenti għall-kampjunar, għall-oġġetti kbar tista’ tittieħed evidenza fotografika mill-uffiċjali tal-kampjunar, u dokumenti li jiddeskrivu l-oġġett, id-dettalji tekniċi u l-funzjoni tiegħu. Barra minn hekk, għall-makkinarji, għat-tagħmir elettr(on)iku u għall-istrumenti din l-informazzjoni hija essenzjali għall-klassifikazzjoni korretta tagħhom.
  • L-oġġetti kbar jistgħu wkoll jiġu ttestjati minnufih permezz ta’ laboratorju mobbli jew permezz ta’ dijanjostiċi mobbli jekk ikunu disponibbli.
Formola għall-kampjunar
  • Imla l-formola għall-kampjunar. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
Trasport
  • Kun żgur li l-kundizzjonijiet ta’ trasport jiggarantixxu l-integrità u l-karatteristiki tal-kampjun ittrasportat.
  • Kun żgur li l-kundizzjonijiet xierqa ta’ trasport tal-oġġetti jinżammu kif suppost. Jekk ikun meħtieġ, is-simboli ta’ periklu xierqa u/jew il-kundizzjonijiet tat-temperatura għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar fuq in-naħa ta’ barra tal-pakkett estern.
  • Il-kampjuni tal-ikel u tal-prodotti kimiċi għandhom jiġu ttrasportati b’mod separat (stivi tal-merkanzija, kaxxi tal-ippakkjar, eċċ.) fuq il-vettura tat-trasport sabiex tevita l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni kroċjata.
Ħażna
  • Il-kundizzjonijiet tal-ħażna huma ddeterminati mill-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-kampjuni li tkun ħadt.
  • Kun żgur li l-kundizzjonijiet xierqa ta’ ħażna tal-oġġetti jinżammu kif suppost. Jekk ikun meħtieġ, is-simboli ta’ periklu xierqa u/jew il-kundizzjonijiet tat-temperatura għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar fuq in-naħa ta’ barra tal-pakkett estern.
  • Aħżen f’kamra nadifa, xotta, mudlama, friska u vventilata biżżejjed.
  • L-oġġetti ta’ valur għoli għandhom jinħażnu b’mod sikur.



Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni
1.1 15.07.2018 Aġġornament - kwantità ta’ kampjuni raffinata
1.2 30.01.2020 Aġġornament - kampjunar tal-oġġetti lesti miżjuda